Рет қаралды 3,812
ONE.COM.MT • Bħal eku tal-ispluzjoni fil-kamra tan-nar tal-Mosta, kompliet il-ħidma mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivil, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Pulizija sabiex tibda l-investigazzjoni b’rabta mal-inċident li s-Sibt ħasad il-pajjiż.
Matul il-lejl li għadda ddaħħal raġel ieħor l-isptar u bħaż-żewġt irġiel l-oħra huwa weġġa’ gravi. Fortunatament ħadd ma weġġa’ serjament, b’rabta ma’ dan l-inċident.
KITBA: EMAN PORTELLI
FILMAT: CHRIST BORG / ARKIVJI
Il-Ħadd wara nofsinhar, kwiet u ħedma fiż-żona fil-limiti bejn il-Mosta u l-Imġarr, fejn hemm il-kamra tan-nar tas-Soċjetà Piroteknika 15 t’Awwissu tal-Mosta.
Dan jikkuntrasta sew ma’ dak li ġara erbgħa u għoxrin siegħa qabel, wara splużjoni f’din il-kamra tan-nar.
Il-Ħadd dehret ħemda liema bħala, iżda stajna ninnutaw medda ta’ art maħruqa, wara n-nar li kien hemm fiż-żona, ġurnata qabel.
Matul il-jum tal-Ħadd kompliet il-ħidma min-naħa tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-esperti tal-isplussiv tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-ħidma kompliet matul il-jum tal-Ħadd, hekk kif matul il-jum tas-Sibt, kien hemm periklu kbir, hekk kif kien hemm materjal splussiv u murtali li kienu għadhom ma ħadux. Fl-operazzjoni tas-Sibt, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar daħlu biss fis-sit biex jevakwaw kelb li għandu fiż-żona. Dan seħħ wara li saret titjira minn drone speċjalizzat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Ħadd wara nofsinhar, l-akkwati kienu għadhom magħluqin u kienet għadha qed tiddomina l-preżenza tal-Pulizija. Dan hekk kif dwar dan il-każ għaddejja inkjesta maġisterjali sabiex jiġi determinat x’wassal għal dan l-inċident.
Fuq il-post waqt il-ħin tal-inċident kien hemm 11-il persuna. Fortunatament ħadd ma weġġa’ serjament.
B’rabta ma’ din il-każ, matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, raġel ta’ sittin sena ddaħħal l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Dan filwaqt li s-Sibt iddaħħlu żewġt irġiel l-isptar, wieħed ta’ ħamsa u għoxrin sena u ieħor ta’ disgħa u għoxrin sena.
It-tnejn weġgħu gravi minħabba ksur f’saqajh u l-ieħor sofra ħruq f’idejh.
Fuq Facebook, Alexander Bartolo, li huwa wieħed mit-tlett irġiel li jinsab l-Isptar Mater Dei, kiteb li jinsab tajjeb. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li kellmuh fl-aħħar sigħat wara dan l-inċident.
Hawnhekk huwa ħeġġeġ sabiex il-pubbliku jżomm f’talbu lit-tnejn l-oħra minn sħabu, li jinsabu l-isptar; Niki Magro u Salvu Galea.
Dan filwaqt li f’kummenti, is-Soċjetà Piroteknika 15 ta’ Awwissu rringrazzjat lil kull min wera solidarjetà f’dan iż-żmien diffiċli.
Ritratt li spikka fuq il-midja soċjali kien dak tan-niċċa ta’ Santa Marija, li minkejja din l-isplużjoni u l-ħsarat kbar li ġraw, din in-niċċa baqgħet sħiħa.
Esperti tal-piroteknika li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu l-fatt li minħabba l-isplużjoni ħadd ma weġġa’ serjament turi li l-fatt kemm l-investiment li sar fil-kmarar tan-nar rendihom f’kumplessi aktar siguri.
B’rabta ma’ dan il-każ, fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema għall-ħidma tagħhom f’dan il-każ, li xxokkja lil bosta.