Рет қаралды 1,584
ONE.COM.MT • Ngħaddu issa għal ġabra ta’ aħbarjiet mill-awli tal-Qorti.
KITBA: FRANCESCO BORG
FILMATI: ARKIVJI
Jesmond Vella, magħruf bħala l-Bulgaru, intbagħat għaxar snin ħabs wara li nstab ħati ta’ pussess aggravat tal-kannabis.
Il-każ imur lura għall-elfejn u tmienja, meta l-imputat kien qed jiġi sorveljat mill-Pulizija fuq suspetti li kien involut fit-traffikar tad-droga.
Fi tfitxxija li kienet saret fil-proprjetà u vetturi tiegħu, kollox irriżulta fin-negattiv. Kien hawn li l-Pulizija ġihom suspett f’vann li kien ipparkjat barra. Fih instabu għoxrin blokka reżina tal-kannabis li kienu jiżnu kważi ħames kilogrammi, b’valur t’aktar minn tletin elf ewro fis-suq.
Huwa kien instab ħati mill-Qorti s-sena li għaddiet iżda minħabba li tressaq il-Qorti fil-Libja, kien hemm dewmien fl-għoti tas-sentenza.
SITT SNIN U NOFS ĦABS TALLI ĦARAQ KAROZZA U BIEB TA’ DAR
Jesmond Cassar, magħruf bħala t-Tito, intbagħat sitt snin u nofs ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati li ħaraq karozza u bieb ta’ residenza fl-Isla.
Il-każ seħħ f’Jannar ta’ sentejn ilu. Fil-Qorti, il-vittma xehed li hu ssuspetta fl-akkużat għax kellu argument miegħu u kien jarah ta’ spiss jgħaddi minn ħdejh. Żied jgħid li dakinhar tal-każ, qam għax sema’ l-klieb jinbħu u lill-ġirien jgħajtu li kien hemm karozza qed taqbad.Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, intwerew filmati li juru lit-Tito tiela’ taraġ b’landa taż-żejt f’idu.
TORDNA BIEX TERĠA’ TINGĦATA S-SENTENZA
Il-Qorti tal-Appell ordnat biex terġa’ tingħata s-sentenza lil Elliot Paul Busuttil, li ammetta li fi Frar ta’ sentejn ilu qatel lil Mario Farrugia ta’ tnejn u sittin sena f’Ħal Qormi.
F’Marzu li għadda, Busuttil ġie kkundannat tnejn u erbgħin sena ħabs wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, minflok għadda ġuri li b’45 daqqa ta’ sikkina, qatel lil Farrugia. Huwa ammetta wkoll li pprova joqtol lil Emil Marinoc, Bulgaru ta’ 57 sena qrib il-parkeġġ tal-istadium nazzjonali f’Ta Qali.
Busuttil appella minn din is-sentenza għaliex fi kliemu s-sentenza mogħtija ma tiriflettix is-sens ta’ ġustizzja.